Mort nara l-opra Il Trovatore
ta’ Giuseppe Verdi il-Gran Teatre del Liceu
ta’ Barcelona.
Xi ġimagħtejn qabel xtrajt biljett 26€. Sibt post f’tarf ringiela, li skont il-pjanta tal-postijiet kien joffri viżta ta’ 40%. Peress li kien post sulu rraġunajt li fil-fatt jiswa aktar minn prezzu, peress li jkun baqa’ vojt mhux għax post ħażin imma għax aktar diffiċli jinbiegħ. U ma’ dan irraġunajt li peress li jien itwal min-normal il-viżta tiegħi kienet se tkun aktar minn dak irreklamat. U xtrajtu.
Għedt issa la se mmur nara opra, irrid nifhem eżatt x’inhu għaddej, inkella nkun mort għalxejn. Niżżilt il-libretto minn sit it-teatru, li kien fih it-test oriġinali bit-Taljan kif se jiġi kantat, u t-traduzzjoni bl-Ispanjol. Stampajtu u ħadtu miegħi biex f’xi ħin forsi naqrah. Qrajt sinopsi bl-Ingliż tal-istorja minn fuq xi ġiex siti oħra, u bħala eżerċizzju, sibt vidjo ta’ waħda mix-xeni fuq il-YouTube, issinkronizzajt il-vidjo mat-test tal-libretto permezz ta’ xi ġiex kelmiet Taljani li rnexxieli naqbad, u b’hekk stajt insegwi l-vidjo kelma b’kelma. B’hekk kont għall-ewwel darba smajt biċċa minn opra u fhimt x’inhu jingħad. Fhimt ukoll, per eżempju, illi ġieli jkun hemm xi ġiex versi li jiġu rrepetuti; biċċa informazzjoni importanti biex ma titlifx is-sinkronizzajzzjoni.
Jum l-opra rnexxieli nilħaq naqra nofs it-test bit-Taljan u bl-Ispanjol. It-Taljan ta’ dil-opra mhux eżattament it-Taljan li jiġi mitkellem kuljum, għalhekk għal ċerti kliem it-traduzzjoni sibtha utli. Wasal il-lejl. Mort ġbart il-biljett li kont xtrajt minn fuq l-Internet, u xħin kont hemm mort sal-kamra tal-banju; dħalt qisni l-imqalfat, u ħriġt gala bil-libsa; a la Superman fil-kabina tat-telefon. B’wiċċ sfiq sellimt lis-sigurtà ta’ mal-bieb, u dan sellimli lura b’wiċċ ta’ mmmm
.
Dħalt it-teatru xi nofs siegħa qabel il-waqt. Barra t-teatru kien hemm daqsxejn tal-kommozzjoni, bħal donnu kien wiesel xi ħadd importanti (apparti jien, sintendi). Erħejt il-basket ta’ ma’ dahri mal-ġkieket tan-nies, u ħallast 7€ għal libretto. Mhux li eżattament kelli bżonnu, imma rraġunajt illi issa la kont hemm, ta’ min nixtrih. Wara ma ddispjaċinix, għax baqagħli rikordju. Tlajt bit-taraġ sar-raba’ sular u sibt posti. Kien fil-ġenb tal-aħħar ringiela minn tlieta, u kif kont bsart, il-viżta tiegħi ma kenitx se tkun mill-agħar. Ħdejja ġiet tpoġġi koppja żagħżugħa; it-tfajla saqsietni jekk kienx il-post tajjeb, saqsejtha x’numru kellha, u għedtilha li jekk jien kont fil-post tajjeb, mela hi kienet ukoll. Skużat ruħha b’li qaltli li kienet l-ewwel darba li ġew jaraw opra, u għarraftha li anka jien.
Dat-teatru għandhom bokka bih, u mhux għalxejn, għax mill-isbaħ. Qiegħed fl-għamla ta’ nagħla, bħat-teatru Manoel, imma xi ħames darbiet ikbar. Fl-1995 kien inħaraq, u imbagħad reġgħu bnewh. Wara skoprejt li fil-fatt l-opra li mort jien kienet qed tiftaħ għeluq iċ-ċelebrazzjonijiet tal-għaxar snin minn mindu reġa’ nbena.
In-nies bdiet tittawwal ’l isfel, u fhimt illi fl-ewwel sular fil-post tan-nofs kien hemm xi ras kibra. Saqsejt ’il raġel min kien hemm, u b’daqsxejn ta’ suppervja weġibni: Ir-re tal-Ispanjoli
. Irringrazzjajtu… għalkemm l-arroganza ta’ tonu fhimtha biss ftit minuti wara meta l-ewwel indaqq l-innu Spanjol u qagħad kwiet, u imbagħad waqt l-innu Katalan beda jkanta b’kemm kellu saħħa (għalkemm xi ftit stunat). Intbaħt li dan kien nazzjonalist Katalan, u li kien hemm ir-re ta’ Spanja xejn m’għoġbitu; jiġifieri ried jgħidli li r-re li kien hemm kien tal-Ispanjoli, u mhux tal-Katalani (apparti li wara qrajt li fil-fatt ma kienx ir-re, imma r-reġina… imma insomma).
Bdiet l-opra. Xi pjaċir! Il-ktejjeb bdejt inħossni li kont xtrajtu daqsxejn għal-lasta, għax ma kienx hemm biżżejjed dawl biex insegwi l-kliem. Imma lanqas ma kien hemm bżonn, għax ’il fuq mis-siparju kien qed jiġi pproġettat il-kliem li qed jingħad, tradott bil-Katalan, b’sinkronizzazzjoni perfetta. Bejn li kont studjajt u bejn li wara kollox il-kant kien bit-Taljan, is-sopratitli bil-Katalan kienu biżżejjed biex inkun naf eżatt x’inhu għaddej. Famuż.
Żvolġiet l-istorja. Il-kant mill-aqwa, u l-mużika daqstant eċċellenti. Fin-nofs kien hemm intervall, u ħriġt ’il barra. Kien hemm tazez bix-xampanja, u xrobtlu tazza. Inżilt it-taraġ, saqsejt ’il wieħed fejn hu afuera, fehemni ħażin u bagħtni fil-foyer… u b’hekk rajt il-foyer. Kien hemm ħafna nies, kulħadd pulit, u xrobt tazza xampanja oħra. Kien hemm sandwiches miżeri għal 3€ l-wieħed, u rraġunajt illi mill-bar fl-istess triq tat-teatru għal 3€ kont niekol u nixba’… u hekk għamilt.
Erġajt tlajt fuq, u wara ftit kompliet l-opra. Bdejt nieħu gost li kont ippreparajt ruħi sew, għax bdejt nifhem kollox, u f’ċerti biċċiet saħansitra bkejt. Bħal meta s-suldati jaqbdu ’ż-żingara Azucena u jsaqsuha fejn hi sejra, u tweġibhom li mhi sejra imkien, u li D’una zingara è costume mover senza disegno; il passo vagabondo, ed è suo tetto il ciel, sua patria il mondo.
(Għal żingara huwa normali li timxi għal għonq it-triq mingħajr ma taf fejn sejra, is-saqaf tagħha s-sema, u l-patrja tagħha d-dinja.
). Jew meta d-damiċella Leonora tiddikjara ’l maħbubha li Prima che d’altri vivere, io volli tua morir!
(Qabel ma ngħix ħajti t’ieħor, ridt immut tiegħek!
). U terġa’ dal-emozzjonijiet qawwija amplifikati bil-mużika… bkejt, u ħadt gost.
Spiċċat l-opra, in-nies ċapċpet, u ’l uħud mis-suprani twaddbulhom l-fjuri, anka bukketti sħaħ, avolja strettament mhux suppost. Meta nqara isem l-inkarigat bix-xeneġġatura, kien hemm min saffarlu; dil-opra propja propja fiha ħafna bdil ta’ xeni, imma dan iddeċieda li jesperimenta xi ftit billi juża mhux aktar minn erba’ xeni kollox, u terġa’ xeni minimalisti li kull ma kien fihom xmux u qmura. Din ma’ xi wħud tradizzjonali xejn ma niżlet tajjeb, u xħin kien il-waqt, leħħnu d-diżapprovazzjoni tagħhom.
Ħriġt mill-opra sodisfatt b’kemm kont ħadt pjaċir, u fl-aħħar fhimt għalfejn hawn min hu daqshekk iffissat. Li kieku ngħix hemm, nagħmel abbonament annwali.
Viva l-Opra, u viva r-Ryanair, li għoġbu jipprovdili l-passaġġ għal 2€!
L-Istorja
L-istorja ta’ Il Trovatore
msejsa fuq l-imħabba, l-għira u t-tpattija. Konti jitfa’ ħarstu fuq xebba Leonora, iżda din tkun ġa tefgħet ħarsitha fuq ċertu troubadour jismu Manrico, li ta’ kull lejl kien imur taħt teqitha jgħannilha għana ta’ mħabba. Jinzerta li dan Manrico jkun mill-fazzjoni rivali fil-gwerra ċivili li tkun għaddejja, u biex tgħaqqad issa jsir ir-rivali tal-Konti fil-ġlieda għal dix-xbejba. Barra min hekk, missier il-Konti jkun darba kkundanna lil waħda żingara għall-ħruq wara li tkun ġiet mixlija li allegatament seħtet lill-ibnu ż-żgħir, ħu l-Konti. Hi u tinħaraq, diż-żingara tgħajjat għall-vendetta… u bintha, Azucena, taħtaf ’il daċ-ċkejken u tivvendika ’l ommha billi tixħtu jinħaraq fl-istess ħuġġieġa li tkun inħarqet ommha. Id-destin iġibha li din Azucena tinzerta tkun omm it-troubadour Manrico.
Jingħad ukoll illi l-konti x-xiħ, missier il-Konti, ħass illi dak li nħaraq ma kienx ibnu, u jħeġġeġ ’l ibnu l-Konti biex jibqa’ jfittex ’il ħuħ. Sadattant insiru nafu m’għand Azucena li fil-fixla fil-ħuġġieġa kienet bi żball tefgħet ’il binha stess!
Hi u tiġġerra fil-muntanji, Azucena tinħataf mit-trupp tal-Konti; dawn wara ftit jagħrfu min hi, u l-Konti jitfagħha ġo ċella u jikkundannaha għall-ħruq.
Sadattant, Leonora tisma’ l-kant ta’ Manrico, u tinżel tiltaqa’ miegħu, u tintefa’ f’idejn, bi żball, il-Konti! Jidħol Manrico u jsibha tgħannqu… hi tintebah bil-fawl li għamlet, u tiddikjara mħabbitha għal Manrico. Dan jaħraq lill-Konti, li jisfida ’l Manrico għal dwell, u lil Leonora jħossha ħażin.
Dad-dwell jispiċċa biex jirbħu Manrico, imma forza barranija inesplikabbli żżommlu idu milli toqtol ’il-Konti, u għalhekk jerħih jgħix. Leonora ma tismax b’aħbar Manrico, taħsbu mejjet, u tidħol għal soru. Hi u dieħla l-kunvent, jitfaċċa Manrico u jżommha milli tagħmel dan. Il-Konti jikkundanna ’l Manrico għall-mannara, u jitfgħu fiċ-ċella m’ommu.
Leonora tfassal pjan ta’ kif se teħles ’il Manrico mill-mewt. Tmur għand il-Konti, u tokroblu biex jeħilsu, u tgħidlu kemm tħobb lil Manrico; il-Konti jgħidilha Qed tiġġenen? Jien neħles lir-rivali tiegħi? Aktar ma tgħidli li tħobbu, aktar nindanna!
Fl-aħħar tasal biex tagħmel patt mal-Konti illi jekk jeħles lil Manrico, tkun tiegħu. Dan jaqbel, u l-patt isir. Iżda minn taħt Leonora tlissen Iva, teħodni, imma mejta!
u tibla’ l-velenu.
Sadattant tmur tgħarraf lil Manrico li nħeles, imma dan jintebaħ bil-prezz ta’ ħelsitu, u jindanna. Imma xħin il-velenu jibda jaħdem, jirrealizza eżatt x’ġara, u jibqa’ mbellah bi qdusitha. Tmut. Imbagħad Manrico jiġi meħud għal qatlitu. Tinqatagħlu rasu bil-mannara, b’ommu Azucena u l-Konti jarawh mit-tieqa taċ-ċella. Xħin jinqatel, Azucena tgħid lill-Konti Għadek kif qtilt ’il ħuk iż-żgħir; fl-aħħar ommi ġiet ivvendikata.
0 comments:
Post a Comment